Morning Assemblies

Year 5.1   

1. Nhar il-Ħamis 3 ta’ Diċembru ser jaħbat il-Jum Internazzjonali ta’ Persuni b’Diżabilita’ . F’din il-ġurnata, madwar id-dinja kollha isiru attivitajiet li permezz tagħhom infakkru aħna xi affarijiet li nistgħu nagħmlu biex in-nies b’diżabilita’ jkunu jistgħu jgħixu ħajja mimlija u ferħana daqs tagħna. Din il-ġurnata jieħdu sehem fiha nies kbar kif ukoll tfal żgħar

2.      Ftit ilu smajna dwar grupp ta pajjiżi li ngħidulhom il-Ġnus Magħquda. Kienu propja dawn li bdew iżommu din il-ġurnata ta’ kull sena, u ilhom iżommuha mill-1992.

3.      Madwar id-dinja jsiru diversi attivitajiet. Dawn kollha jkunu marbutin ma’ Tema jew Suġġett partikolari. It-Tema ta’ din is-sena hija

Celebrating Empowerment through Independence, Incusivity and Choice”

 Avvolja dan huwa suġġett li ftit nistgħu nifhmu dwaru aħna, xorta hemm ħafna li nistgħu nagħmlu aħna wkoll biex nfakkru din il-ġurnata.

4.      Il-Persuni li għandhom diżabilita’, bħalma tafu intom, jgħixu ħajja ta’ sfida naqra iktar minn tagħna. Wieħed li ma’ jistax jimxi, jew jisma, jew jara irid jagħmel sforz ikbar biex jitgħallem u jagħmel l-affarijiet li aħna nagħmlu ta’ kuljum. Għalhekk huwa dmir tagħna bħala soċjeta’ magħquda u bħala Kattoliċi li nagħmlu milli nistgħu biex niffaċilitaw il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

5.      Kif nistgħu nagħmlu dan?

Nistgħu nibdew billi nneħħu kull ideja minn moħħna li dawn huma kapaċi nqas minna jew li huma differenti minna. Irridu niftakkru li huma tfal bħalna u jħossu l-istess kif inħossu aħna. Allura nippruvaw dejjem inqisuhom bħal kull tifel u tifla oħra. 

6.      Waqt il-lezzjonijiet fil-klassi kif ukoll barra fil-ħin tal-logħob nintegrawhom u ninkluduhom magħna. Fil-klassi għandna ngħarfu li tifel jew tifla li forsi ma tistax timxi, kapaċi tkun aħjar minna f’suġġetti oħra bħall-Matematika jew l-Ingliż. Hija ħaġa sabiħa li nduru lejhom għall-għajnuna u s-support b’hekk nuruhom illi aħna lkoll għandna bżonn xulxin u mhux huma biss għandhom bżonn lilna. Fil-bitħa nintegrawhom billi nilagħbu flimkien u nivvintaw logħob li jistgħu jieħdu sehem fih huma wkoll.

7.      Ħaġa oħra tajba li nistgħu nagħmlu fil-klassi hi li nħalluhom jitkellmu għalihom infushom u ninkurraġġuhom juru l-espressjonijiet u l-‘feelings’ tagħhom. B’hekk huma ma jħossuhomx li huma differenti jew inqas minna.

8.      Barra fit-triq u f’postijiet publiċi l-pajjiżi kollha qed jagħmlu ħafna inizzjattivi biex il-ħajja ta’ nies b’diżabilita’ tkun aktar faċli. Xi ftit minn dawn jinkludu:

  • bini ta’ rampi biex jidħlu u joħorġu minn postijiet publiċi.
  • Kmamar tat-‘Toilets’ wiesgħin u b’faċilitajiet li permezz tagħhom jkunu jistgħu jużaw it-‘toilets’ pubbliċi
  • ‘Lifts’ wesgħin biżżejjed għal wheelchairs u buggies
  • ‘Lifts’ żgħar li permezz tagħhom nies b’diżabilita’ jkunu jistgħu jużaw it-trasport pubbliku.
  • Parkings reservati għall-familji li għandhom xi persuni b’diżabilita’ u ħafna oħrajn.

9.      Wara dawn l-inizzjattivi kollha, hija ħasra kbira li xorta mbagħad insbu nies li juru disrispett billi per eżempju:

  • jipparkjaw il-karozza jew ir-rota quddiem ir-rampi u jagħlquhom.
  • Jipparkjaw il-karozza fil-‘parkings’ li huma reservati għall-persuni b’diżabilita’ u allura dawn ma jkollhomx fejn jipparkjaw.
  • Ikissru jew jagħmlu ħsara lill-faċilitajiet li huma ta’ persuni b’diżabilita’ bħat-toilets u l-lifts.

ġieli dawn l-affarijiet jagħmluhom nies mill-familji tagħna stess. Meta naraw minn dan aħna għandna nsemmgħu leħħinna u nfehmuhom li dawn huma nuqqasijiet min-naħa tagħna.

10.    Issa il-klassi tagħna ser inkantawlkom diska li jisimha “Every Star is Different”. Fiha ser nisimgħu l-kliem  “Shining Star Shine so Brightly”. Din l-istella hija aħna u irridu niftakkru li aħna lkoll kemm aħna għandna l-ħila u l-kuraġġ li niddu u nixegħlu l-ħajja tagħna u ta’ dawk ta’ madwarna.

Year 5.2

Il-Farfett

 

Nhar it-Tlieta 20 ta’ April, aħna t-tfal tal-5.2, messna nagħmlu l-‘Assembly’ wara t-talba ta’ filgħodu.

Aħna tkellimna dwar il-friefet. Tliet subien ħadmu l-parti ta’ tfal imqarqċin li għandhom vizzju ikrah jaqbdu l-friefet u jagħlquhom ġo vażett. Erbat ibniet b’kostum ta’ fjura kellmu lis-subien u fehmuhom kemm huma isbaħ il-friefet itiru minn fjura għall-fjura filwaqt li jsebbħu l-ambjent u jferħu lil kull min jaf japprezzahom. Dawn it-tliet subien fehmu kemm kienu qegħdin jiżbaljaw u jiddeċiedu li jagħmlu bħal kumplament tas-subien tal-klassi u joqogħdu josservaw lill-friefet bit-trombi filwaqt li jiġbdulhom xi ritratt ukoll.

Wara ħarġu sitt ibniet oħra b’kostum ta’ farfett. Dawn irrakkuntaw il-ħajja tal-farfett minn meta jkun ġol-bajda fuq werqa sa meta jsir farfett. Għalaqna din l-‘Assembly’ billi kantajna ‘L-Għanja tal-Farfett’.

Waqt din l-‘Assembly’ kellna mistieden speċjali li kien mazzarell. Dan ġie jdur mat-tfal fil-bitħa tal-iskola bħal qisu ried jara x’ aħna ngħidu dwar il-ħbieb tiegħu l-friefet!

 Year 5.4

Jum il-Ħaddiem U San Ġużepp Ħaddiem

Ix-xogħol salmura tal-ġisem biex jibqa’ b’saħħtu. Jgħidu ukoll li l-għażż balzmu. Jekk taħdem jgħidu taħdem daqs kelb. Jekk ma taħdimx jgħidu għażżien daqs kelb. Agħmel kif jaqbillek għax kull kif tlaqqatha.            

Kulħadd suppost għandu x-xogħol tiegħu. Kulħadd irid jagħti sehmu biex id-dinja tkun aħjar. Aħna t-tfal niġu l-iskola u rridu noqogħdu għar-regolamenti u naqraw, niktbu, niddiskutu u nkomplu x-xogħol id-dar ukoll. Bosta ommijiet ikunu jaħdmu d-dar biex jieħdu ħsieb l-ulied trabi, jaħslu l-ħwejjeġ, isajru u jnaddfu u mingħajr ħlas. Insibu bosta nies li jiddedikaw ruħhom għal xogħol volontarju, xi drabi ‘l bogħod minn pajjiżhom. Ix-xogħol huwa utli meta jkun ta’ ġid għall-oħrajn. Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu, biss ma rridux infittxu biss il-flus.

Fi żmien Mose’ l-Lhud kienu lsiera, jaħdmu, jissawtu u jinżammu f’kundizzjonijiet ħżiena. F’Malta kienu jiġu l-furbani u jisirqu l-Maltin biex jeħduhom ilsiera. Fl-Ingilterra Charles Dickens kiteb dwar tfal bħal Oliver Twist u David Copperfield. It-tfal kien ikollhom jaħdmu xogħol iebes u jiġu imsawta. Kienu jtuhom ftit ikel ħażin. Child Labour għadu jeżisti f’xi pajjiżi għax dawn jitħallsu bi ftit flus.

 Fl-Amerka kienu jieħdu nies Afrikani biex jaħdmu fl-għelieqi tal-qoton mingħajr ħlas. Is-suwed damu ħafna snin meqjusa bħala ċittadini tat-tieni klassi. Mitejn sena ilu saru protesti kbar mill-ħaddiema Amerikani biex ikollhom ġimgħa ta’ erbgħin siegħa. Fil-ġlied li kien inqala’ kienu nqatlu xi ħaddiema. Il-protesti saru qrib l-ewwel ta’ Mejju tas-sena 1886. L-ewwel ta’ Mejju beda jiġi ċċelebrat f’ħafna pajjiżi mad-dinja kollha, iżda mhux fl-Amerka fejn bdiet il-festa tal-ħaddiema.

Fl-aħħar gwerra bosta Lhud u nies oħra intbagħtu jaħdmu f’ħabsijiet u wara nqatlu. Fir-Russja eluf ta’ nies intbagħtu jaħdmu fis-Siberja fejn hemm kesħa kbira. Il-Kommunisti jgħidu li l-ħaddiema għandhom imexxu, iżda fil-fatt il-ħaddiema jridu jagħmlu bilfors dak li jgħidulhom. Fiċ-Ċina l-ħaddiema huma meqjusa qishom magni.  Illum hawn l-emigranti rregolari li mhux dejjem jingħataw ħlas xieraq tax-xogħol li jagħmlu.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija l-ewwel ta’ Mejju kien beda jiġi ċċelebrat bi kbir b’ħafna bnadar ħomor u bl-armamenti tal-gwerra. Fl-1955 il-Papa Piju XII ħass il-bżonn li jistieden lill-Insara jiċċelebraw l-ewwel ta’ Mejju bħala festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem. Il-knisja dejjem insistiet li Ġesu’ hu Alla, iżda bniedem ukoll, Iben Marija. Ġużeppi l-Mastrudaxxa kien il-missier putattiv ta’ Ġesu’. Ġesu’ kien magħruf bħala Iben il-Mastrudaxxa. San Ġużepp stinka biex sab għar f’Betlehem u wara kellu jaħrab lejn l-Eġittu. Meta Ġesu’ intilef fit-tempju inkwieta u qagħad ifittxu flimkien ma’ Marija. San Ġużepp hu patrun tal-Knisja, tal-missirijiet, tal-mastrudaxxi u tal-ħidma soċjali.

Għalhekk kull min hu responsabbli ħalli jipprovdi x-xogħol irid jara li jkun hemm il-kundizzjonijiet li jixirqu lill-ħaddiema. Fl-Innu Malti inkantaw :“Rodd il-Ħniena lis-sid u saħħa lill-ħaddiem.” Kemm is-sid kif ukoll il-ħaddiema jridu jaħdmu flimkien. Kull xogħol huwa importanti. Fost l-eqdem xogħlijiet insibu l-biedja. Dan ix-xogħol huwa importanti għax il-bidwi u s-sajjied jipprovdu l-ikel. Ilum bosta raba’ inqered u kien xieraq li  Sammy Bartolo sellem lill-bidwi bil-għanja l-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel.